TAL-ISTILLA
Banda

 

BIJOGRAFIJA TAS-SURMAST DIRETTUR

JOSEPH VELLA A.Mus. L.C.M., A. Mus. L.S.M, L.Mus. L.C.M., F.V.C.M.

Is-Surmast Joseph Vella twieled Birkirkara fil-15 ta' Frar 1955. L-inklinazzjoni lejn l-arti mużikali bdiet minn meta kien għadu tifel, u missieru Ċensu li kien bandist mal-banda Sant'Elena ta' Birkirkara, kompla jinkuraġġieh sabiex jitgħallem strument mużikali, hu għażel Clarinet. Ta' 11-il sena, s-Surmast Vella beda l-istudju mużikali tiegħu, għand is-Surmast Joseph Zammit fejn fl-1969 ħareġ idoqq mal-Banda Sant'Elena ta' Birkirkara.

Is-Surmast Vella kompla l-istudju tiegħu fl-armonija, l-kontrapunt u l-istorja għand Mro. Lawrence Borg. F.L.C.M.

F' Ġunju ta' l-1992 kiseb id-Diploma A.Mus L.C.M. L-istudju tiegħu ma waqafx hemm għaliex ħames snin wara f'Novembru tas-sena 1997, kiseb Diploma oħra dik ta' L.Mus. L.S.M. kif ukoll id-Diploma F.V.C.M. li kisibha f'Mejju tas-sena 2001 fejn ġie ppreparat mis-Surmast Manuel Pirotta. F'din l-istess sena ngħata ‘ Certificate for Qualified Teacher ' mill-Victoria Collage of Music ta' l-Ingilterra. Is-Surmast Joseph Vella għadu jistudja sa llum fejn fiż- żmien li ġej u mistenni li jġib aktar Diplomi.

Is-Sibt l-1 t' Ottubru 2005 l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ħatret lis-Surmast Joseph Vella bħala s-Surmast Direttur ġdid tal-Banda.

Is-Surmast Joseph Vella kif ġa semmejna huwa rinomat ħafna fil-qasam mużikali, dan jixhed ukoll d-diversi baned li huwa s-Surmast Direttur tagħhom li huma Sant'Elena ta' Birkirkara, La Vittoria tal-Mellieħa, il-banda Lourdes ta' San Ġwann u l-Banda San Gabrijel ta' Ħal Balzan.

Dan jixhed il-kapaċita' u l-popolarita' li għandu f'pajjiżna. L-ewwel kompożizzjoni li kiteb lill-għaqda Soċjo-Mużikali Anici bħala Surmast Direttur kien marċ brijjuż bl-isem 'Is-surmast il-ġdid' dan il marċ ġie inkluż f'sett ta' marċi brijjużi li ġie rrekordjat l-Erbgħa 25 ta' Jannar 2006, li s-surmast Vella iddebutta fih bħala Surmast Direttur tal-banda Anici. L-ewwel direzzjoni tas-Surmast Vella mal-banda Anici kien proppju waqt Prize day li saret il-Ħadd 4 ta' Diċembru 2005.

L-ewwel dehra bħala Surmast Direttur mal-banda waqt marċ fit-toroq ta' Ħal Qormi kien proppju il-Ħadd 18 ta' Diċembru 2005 waqt il-marċ fl-okkazzjoni tal-Milied. Is-Surmast Joseph Vella għandu diversi xogħolijiet Mużikali f'din l-Għaqda bħal ma huma marċi brijjużi u funebri kif ukoll mużika klassika li saħansitra kitibhom apposta għall-din il-Banda. Fil-fatt fl-20 Anniversarju mill-ftuħ uffiċċjali tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici fl-2008 kiteb ‘ Overture ' li ġġib l-isem ta' dan l-Anniversarju xog ħol mużikali mill-isbaħ.

Is-Surmast Joseph Vella huwa miżżewweġ lil Carol nee' Ellul u għandu żewġ ulied Etienne u Josephine.

 
*********************************************************************
 

BIJOGRAFIJA TAL- ASSISTENT SURMAST

CHEV. VINCENT BONNICI K.T.L.

Il-Kavallier Vincent Bonnici iben Lawrence u Rose neė Bonnici, twieled nhar it-23 ta' Novembru ta' l-1960 ġewwa l-Pieta'. Ftit xhur wara, il-familja Bonnici tegħlet Wales fejn kienet tgħix, u rritornat lura lejn pajjiżna fl-1968 fejn stabilixxiet ruħha ġewwa l-Birgu, pajjiż il-missier. Fl-1970, meta kellu għaxar snin, iċ-ċkejken Vincent beda jirċievi l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika mingħand Mro Carmelo Vella, ġewwa l-każin tal-Banda San Ġorġ ta' Bormla, u tliet snin wara huwa sar bandist ma' l-istess banda fejn għadu f'dan l-impenn sal-ġurnata tal-lum. Fil-bidu huwa kien jistudja t-tejorija għand is-sinjura Rita Micallef, fejn wara għamel żmien twil jitgħallem għand Mro Carmelo Caruana.

F'Lulju ta' l-1982 huwa ngħaqad mal-Banda tal-Forzi Armati fejn fil-preżent huwa wieħed mis-solisti ta' l-istess banda. Mal-Banda tal-Forzi Armati huwa siefer seba' darbiet, darbtejn il-Ġermanja darbtejn l-Italja, Brussels, St. Petersburg ir-Russjaġ u fil-Libja ghal jum Nazzjonali Libjan. Fl-1993, huwa attenda għal master classes fl-Università ta' Malta fejn hemm iltaqa' u għamel ħbieb mal-professur David Campbell. Mro. Vincent Bonnici huwa kompożitur ta' numru sabiħ ta' marċi brijuzi fosthom il-famuż Forza Dynamos u ħafna ohrajn. Barra minn hekk huwa kkompona wkoll hafna marci Funebri mill-isbah b'dedika lil diversi nies li tant kienu viċin tiegħu. Mro Bonnici għamel ukoll diversi arranġamenti Mużikali liema arranġamenti indaqqu waqt għadd ġmielu ta' Programmi Mużikali mill-Baned Maltin u anke barra minn xtuttna. Barra li huwa surmast direttur tal-Banda San Pietru ta Birzebbugia, Mro Vincent Bonnici huwa surmast direttur tal-Banda Madonna tal-Karmnu tal-Fgura. Huwa jokkupa wkoll il-kariga ta' assistent surmast tal-Banda San Ġorġ ta' Bormla, assistent surmast tal-Banda Prince of Wales tal Birgu, u għalliem mal-Banda Sant'Antnin ta' Birkirkara, u sa mill-1989 għalliem ta' l-allievi mal-Banda Anici ta' Ħal Qormi fejn ma din il-Banda kellu diversi opportunitajiet li jidderieġi il-Banda.

F'Diċembru ta' l-1995 huwa ħa l-investitura ta' Kavallier fl-Ordni tewtonika tal-vant. Huwa miżżewweġ lil Anna neė Schembri u għandhom żewġt itfal, Lorraine u Dominique.

 
L-Ewwel Kummissjoni Banda maħtura fl-1994
 
Kummissjoni Banda 2013/2014.
 

MUŻIĊIST ĠDID MAL-BANDA ANICI TA' ĦAL QORMI

Bħal kull sena l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici toħroġ Mużiċist ġdid. Dan ser jagħmel d-debutt tiegħu mal-Banda Anici, nhar il-Ġimgħa l-Kbira 3 t'April 2015, meta l-Banda tkun qiegħda tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali ta' San Ġorġ Martri f'Ħal Qormi. Il-Banda Anici tieħu sehem ukoll fil-purċissjon ta' Kristu Rxoxt li toħroġ mill-istess Parroċċa nhar l-Għid il-Kbir. 

Fir-ritratt jidhru il-Mużiċist ġdid is-Sur Nathaniel Debono, (Tambur) u Mro. Chev. Vincent Bonnici Assistent Surmast.

 
Ir-ritratti uffiċċjali tal-Programm ta' Marċi Funebri, li għamlet il-Banda Anici it-Tlieta 8 t' April 2014. Ħajr lin-Noel Photo Studio, il-Fotografu tal-Għaqda għar-ritratti.
 
Kunċert Vokali u Strumentali li sar il-Ħadd 1 ta' Diċembru 2013
Anici Youth Band is-Sibt 23 ta' Novembru 2013 f'Jum it-Tfal organizzat mill-Kumsill Lokali ta' Ħal Qormi.
 
Akkademja mużiko-Letterarja li saret fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju tal-Għaqda nhar il-Ġimgħa 26 t' April 2013
 

Nhar il-Ħamis 2 t' Awwissu 2012 il-Familja Galea, ppreżentat lill-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici, l-aħħar xogħol mużikali li kkompona qabel miet is-Surmast Galea. Mro. Frankie Galea kien l-ewwel Surmast Direttur tal-Banda Anici. Grazzi lill-Familja Galea. Din il-Mużika se tkompli mal-kullana ta' Mużka tas-Surmast Galea, fl-Arkivju Mużikali tagħna.

 

Dawn ir-ritratti huma biss l-aħħar attivitajiet importanti li kellha l-Banda. Fl-istorja tagħha l-Banda Anici kellha ferm aktar impennji oħra bħal ma wieħed faċilment jista' jara fil-paġni varji ta' din il-website. Biżżejjed ngħidu li fl-ewwel 21 sena tagħha daret aktar minn nofs l-ibliet u rħula Maltin, kif ukoll fil-Belt Victorja f'Għawdex. Kif wieħed jara fl-istorja ta din l-Għaqda jinduna kif tassew intlaqgħet mhux biss mill-Poplu Qormi, iżda wkoll mill bqijja tal-poplu Malti. Xhieda ta' dan hija li kif bilkemm fetħet il-bieb kien diġa kellha Ħames stediniet biex iddoqq fil-Kapitali Maltija u żewġ servizzi oħra f'żewġ Festi barra l-Belt Pinto. Il-fatt li wkoll kienet l-ewwel Banda fil-Parroċċa li daqqet barra xtut Maltin u l-unika Banda f'Ħal Qormi li qatt daqqet fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, bilfors ikollok turi simpatija f'din il-Banda għaliex dan għamlitu biss fl-ewwel tmien snin mit-twaqqif tagħha. Kull Qormi għandu jkun kburi b'din il-Banda l-għaliex ukoll fetħet orriżżoni ġodda anke fil-Festa ta' San Ġorġ Martri li fiha tieħu sehem attiv. Mhux hekk biss, anke fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira illum insibu ħajja ġdida bis-sehem tagħha u għallura wkoll fil-Purċissjoni ta' Kristu Rrxoxt. Din il-Banda twieldet biex tgħix u tkompli tgħix b'l-enerġija tagħha u bis-Support li jqisu l-Banda l-ewwel u qabel kollox. Inħajrek tidħol u taqra l-istorja li sawret lil din l-Għaqda u għamlitha waħda mill-Għaqdiet stabbiliti.

 
********************************************************************************************

Beografija ta' Mro. Andrew Calleja

Surmast Direttur bejn 1998-2005

Is-Surmast Andrew Calleja beda l-karriera Mużikali tiegħu mal-Banda Sant' Andrija ta' Ħal Luqa. Hemm beda l-ewwel lezzjonijiet tal-Mużika għand is-Surmast Paul Schembri, fejn fl-eta' ta' 15 -il sena għamel l-ewwel debutt ma' din l-istess Banda bit-Trumbun.

Is-Surmast Andrew Calleja kompla l-karriera Mużikali meta fl-1982 ingħaqad mal-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta. Hu ta s-servizz tiegħu ukoll ma' l-Orkestra Nazzjonali u l-Big Bands, fejn magħhom daqq diversi xogħlijiet mużikali.

Wara diversi snin ta' studju fit-teorija u l-armonija għand is-Surmastrijiet Ronnie Debattista, Manoel Pirotta u Ray Sciberras, is-Surmast Andrew Calleja kiseb diversi diplomi w għadda b'suċċess l-eżami tal-Fellowship.

Is-Surmast Andrew Calleja ġie appuntat bħala Assistant Surmast tal-Banda Anici fl-1988 u eżattament għaxar snin wara, fl-1998 ġie maħtur bħala Surmast Direttur ma' l-istess Banda, pero' kien ġa Surmast Direttur mall-Banda Madonna tal-Ġilju ta' l-Imqabba.

Tul dawn is-snin mal-Banda Anici, s-Surmast Andrew Calleja għallem diversi studenti fis-sezzjoni tar-Ram u teorija, kiteb diversi marċi Brijużi, Funebri u kompożizzjonijiet oħra li jinkludu siltiet klassiċi li jvarjaw u li wkoll insibuhom fl-Arkivu Mużikali ta' din il-Banda u dderieġa diversi Kunċerti kemm fit-Teatru ta' l-Istitut Kottoliku l-Furjana, Sir Temmi Zammit fl-Universita ta' Malta w anke fit-Teatru tar-Residenza ta' San Vinċens de Paul.

Fl-1996 kien siefer mal-Banda Anici fil-Kanada u fl-Istati Uniti ta' l-Amerika. Il-Karriera tiegħu bħala Surmast Direttur tal-Banda Anici ġiet fit-tmiema fl-2005.

 

 
********************************************************************************************

Beografija tas-Surmast Onorarju Mro. Frank Galea Dip.Ed.(Admt.Mang.) F.L.C.M., K.T.L., C.K. Temp.

Surmast Direttur bejn 1987-1998

Is-Surmast Frank Galea twieled f'Ħaż Żebbuġ, Malta nhar it-23 ta' Lulju 1945. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola tas-Sorijiet Franġiskani u fl-iskola Primarja ta' Ħaż Żebbuġ, fis-Seminarju Minuri, fil-Kulleġġ tal-Għalliema u fl-Universitá ta' Malta li minn hemm ħa d-Didt.Ed.(Adm. & Mang.). Beda l-istudju mużikali fil-pjanu u t-teorija mas-Sinjorina M.L. Bonnici. Imbagħad kellu għalliema llustri oħrajn fosthom Carlo Fianingo, Giorlando Valente fil-vjolin, Bice Ciappara, Antoinette Miggiani u Professoressa B. Bobreva fil-vuċi kif ukoll Carmelo Pace fl-armonija u l-kompożizzjoni.

Is-Surmast Galea kiteb divesri xogħlijiet mużikali ‘Da Camera', ‘Erba' Quddisiet', numru ta' Motetti u Madrigali, Cantati a Cappella, kantati bl-akkumpanjament, Te Deum per cinque voci u l-Oratorio ‘Simon Bolivar'. Barra minhekk kiteb ukoll ‘Aria da Salotte', operetta għat-tfal, għanjiet għat-tfal, xogħlijiet orkestrali u għall-banda kif ukoll għal strumenti solisti. Għandu 'l fuq minn sittin marċ brijuż, marċi funebri u valzi. Fl-1972 rebaħ it-tielet premju fil-kompetizzjoni ta' P.R.S. għall-kompożituri tal-mużika klassika. Fl-1982 ħa l-ewwel premju bil-‘Piccolo Concerto per Clarinetto ed archi'.

Is-Surmast Galea kien Surmast Direttur tal-Banda De Rohan ta' Ħaż Żebbuġ, tal-Banda San Pietru fil-Ktajjen ta' B'Bugia u f l- 1987 ħa wkoll it-tmexxija tal-Banda Anici w għal hekk kien l-ewwel Surmast Direttur tagħha. Dam jokkopa din il-Kariga mall-Banda Anici sal-1998 fejn wara nħatar Surmast Onorarju.

Għall-Banda Anici s-Surmast Galea kiteb il-mużika tal-Innu tal-Banda (versi Chev. C. Bianchi), l-Innu l-Kbir (Apoteożi ta' San Ġorġ M.M.) versi ta' Dr. C. Mallia, kiteb ukoll diversi xogħlijiet Mużikali oħra fosthom il-Poema Sinfonico, L-Ewwel Deċennju li kienet iżżanżnet waqt Kunċert Bandistiku fl-Universita ta' Malta meta l-Banda Anici għamlet Kunċert is-Sibt 25 t'April 1998 marbut ma' l-ewwel 10 Anniversarju tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici. Lill-Banda kitbilha wkoll innijiet Reliġjużi, Għajiet tal-Milied, tal-Karnival u fuq kollox set ta' Valzi mill-isbaħ li huma propjeta tal-Għaqda u żżanżnu fl-Għid il-kbir fit-3 t' April 1994, u bosta xogħlijiet Mużikali oħra.

Is-Surmast Galea huwa miżżewweġ lil Josephine nèe Camilleri mill-Kalkara w għandu żewġt itfal, Andrè u Renzo.

Is-Surmast Galea ħall dan il-Wied tad-Dmugħ nhar l-Erbgħa 1 ta' Frar 2012