Il-festa tal-Milied hija festa li tqanqal fina ħafna tifkiriet u nostalġija. Min ma jiftakarx fi tfulitu f’dawn il-jiem? Naħseb li kulħadd jaħsibha bħali li l-Milied ta’ tfulitna, ikollna kemm ikollna żmien, inissel fina tifkiriet sbieħ. U għalija mhux eċċezzjoni.
Meta kont żgħir, il-familja tiegħi kienet tgħix mal-bużnanna. Din kienet magħrufa bħala Anni Galluwa, li 60 sena ilu kienet popolari mal-Qriema aktar mis-sindku, li dak iż-żmien ma kienx jeżisti. Fil-kamra fejn kienet tgħix il-bużnanna kien hemm bosta xbihat ta’ qaddisin u statwi. Kellha wkoll presepju f’kaxxa tal-ħġieġ, fuq daqsxejn ta’ tavolina, armat is-sena kollha. Imma fi żmien il-Milied, in-nanna Anni kienet tarmalu set bożoż li kellhom il-forma ta’ fjura, kollhom kuluri. Fid-dar imbagħad ommi kienet tarma s-siġra tal-Milied, bil-blalen u dwal kif ukoll il-Bambin tal-ġibs li kienet rebħet minn lotterija li kienu jagħmlu s-Sorijiet Franġiskani ta’ Triq il-kbira.
Kont għadni nattendi l-iskola tas-soriijet, (Franġiskani) meta qlajt l-ewwel Bambin. Is-sorijiet kienu jaħdmu qfief żgħar tar-rattan (cane), jagħmlu ftit tiben fihom u jpoġġu daqsxejn ta’ Bambin ħelu fuqu. Imbagħad jagħtuhom lilna t-tfal. Sena wara kont bdejt l-iskola primarja u ommi kienet xtratli Madonna u San Ġużepp għal ma’ dan il-Bambin. Is-sena ta’ wara kienet xtratli s-Slaten Maġi. Niftakar kienet xtrathomli minn ħanut qrib l-iskola tal-gvern. Dawn il-pasturi għadhom għandi u ngħożżhom aktar mid-deheb. Fir-raba’ sena tal-primarja kont fil-klassi tas-Sur Cardona, dak li r-raħal kollu kien isibu bħala Karmenu l-Ispiżjar billi kellu spiżerija fil-bidu ta’ Triq Santa Katarina. Is-Sur Cardona kien għallimna nagħmlu presepju u jien tħajjart nagħmel wieħed għad-dar, bi ftit karti tal-ixkejjer taz-zokkar fuq biċċa njama li kien ġabli missieri ma nafx minn fejn. Fih poġġejt il-pasturi li kelli, il-Bambin tas-Sorijiet, Marija u Ġużeppi u l-Maġi. F’għajnejja kont rajtu l-isbaħ presepju tad-dinja!
Il-bużnanna kienet tħajjarni għall-quddiesa ta’ Nofsilejl, imma jkolli nistqarr li qatt ma rnexxieli nibqa’ mqajjem sa dak il-ħin biex immur magħha u kellhom jgħaddu ftit snin oħra biex attendejt l-ewwel quddiesa ta’ Nofsilejl.
It-tiżjin tal-Milied fir-raħal tagħna, aktar minn nofs seklu ilu ma kienx bħal dak li naraw illum. Kien hemm min jarma xi siġra tal-Milied jew xi Bambin fit-tieqa imma mhux daqs illum. Biss niftakar żewġ persjani armati għal dawn iż-żminijiet. L-ewwel waħda kienet ta’ Dun Ġwakkin Schembri, li dejjem kien jarma xi ħaġa interessanti fil-persjana tad-dar tiegħu, id-dar li llum joqgħod fiha l-Arċipriet. Persjana oħra armata b’xena tat-twelid ta’ Kristu kienet dik ta’ Dun Gerald Frendo, li fi ċkuniti kien l-Arċipriet tal-parroċċa tagħna. Niftakar ukoll li fil-bieb tan-nofs tal-knisja parrokkjali kien jintrama presepju kbir (jingħad li kien jintrama fuq il-bankun tal-vara taċ-Ċena), bl-istatwi kbar f’għarix niksi bil-qasab.
Kemm nostalġija, kemm tifkiriet! Tifkiriet li ma jmutu qatt ta’ Milidijiet tfuliti fir-raħal tagħna.
Artiklu minn Fr. Reno Muscat OP
