mill-pinna ta’ Engilbert Muscat
Niftaħ billi nsellem lill-qarreja ta’ din ir-rivista elettronika.
Il-mużika hija parti essenzjali mill-iżvilupp edukattiv u personali tat-tfal u ż-żgħażagħ. Permezz tagħha, l-istudenti mhux biss jitgħallmu strument, iżda jiżviluppaw dixxiplina, konċentrazzjoni, sens ta’ responsabbiltà u ħiliet soċjali li jibqgħu magħhom tul ħajjithom. L-Akkademja Mro. Frankie Galea, li topera fi ħdan l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici, toffri opportunità eċċellenti għal dawk kollha li jixtiequ jidħlu fid-dinja mużikali b’mod serju u strutturat.
L-akkademja hija impenjata li tipprovdi tagħlim mużikali ta’ kwalità għolja f’ambjent sigur, professjonali u ta’ sostenn. Il-programmi ta’ tagħlim huma mfassla biex jilqgħu studenti ta’ kull età u livell, kemm dawk li qed jibdew mill-bidu kif ukoll dawk li jixtiequ jkomplu jsaħħu l-ħiliet mużikali tagħhom.
It-tagħlim tal-istrumenti huwa fdat f’idejn għalliema kwalifikati u b’esperjenza:
- Francois Borg, għall-istrumenti tal-injam (woodwind).
- Garison Bonnici, għall-istrumenti tal-brass.
- Nofru wkoll strumenti b’xejn.
Bħala soċjetà nemnu li t-tagħlim tal-mużika għandu jkun esperjenza pożittiva u t’ ispirazzjoni. Għalhekk, l-istudenti huma mħeġġa jiżviluppaw mhux biss il-ħila teknika, iżda wkoll l-imħabba lejn il-mużika u s-sens ta’ appartenenza fi ħdan komunità mużikali organizzata.
Għall-ġenituri, l-akkademja toffri serhan tal-moħħ li wliedhom qed jinvestu l-ħin tagħhom f’attività edukattiva, kreattiva u b’saħħitha. Għaż-żgħażagħ, speċjalment dawk li llum huma mdawra bis-social media u teknoloġija, il-mużika tista’ sservi bħala mezz bilanċjat biex jesprimu ruħhom u jiskopru talent ġdid.
L-investiment fil-mużika huwa investiment fil-futur.
Għal aktar informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lill-membri tal-Kummisjoni Banda, isegwi l-paġni uffiċjali tagħna fuq il-mezzi soċjali jew fuq is-sit elettroniku tagħna, https://anicibandclub.org/akkademja-mro-frankie-galea.
