mill-pinna ta’ Kan. Dun Mario Mangion, Arċipriet


Fejn hu ħuk? “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” Hekk jwieġeb Kajjin għad-domanda ta’ Alla “Fejn hu ħuk Abel?”.

It-tentazzjoni li naqgħu fl-individwaliżmu hija kbira. Jimpurtani biss minn kif ngħix jien. Komdu jien komdu kulħadd. Dan żgur li mhux raġunament li jaqbel mal-ħajja nisranija. L-imħabba nisranija li aħna mistiedna niġġeddu fiha kontiwament, titlob li nieħdu ħsieb lil xulxin. Li nkun attenti għall-bżonnijiet tan-nies ta’ madwarna, mhux għal kurżita’ jew biex nissendikaw, imma biex nkun ta’ spalla fejn hu meħtieġ.

Xi drabi biżejjed kemm lil xi ħadd tistaqsih kif int. Drabi oħra biżejjed stedina għal kikra te’ jew kafe’, jew xi flixkun birra. Li nuru li aħna jimpurtana minn xulxin huwa att kbir ta’ mħabba. Din hija wkoll sejħa għar-rispett lejn id-dinjita’ tal-bniedem. Li nirrispettaw lil kull bniedem b’dinjita’, rrispettivament mir-razza, kulur, opinjoni, reliġjon etc. Li nisfruttaw lil xi ħadd għal gwadan personali tagħna hija offiża kbira lejn Alla. Il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid l-Kbir, jfakkru li kull wieħed u waħda minnha, aħna mportanti għal Alla, li Alla jimpurtah minnha, tant li offra lil Ibnu għas-salvazzjoni tagħna. Aħna msejjħa li ngħixu attidtudni lejn xulxin.

Ejjew naħdmu u nirristu biex meta Alla jistaqsina “Fejn hu ħuk?” aħna nkun kapaċi nweġbuh “hawn hu u qiegħed nieħu ħsiebu”.

Nawguralkom li dawn il-festi jservu biex nikbru aktar fil-fraternita ta’ bejnietna. L-Għid it-tajjeb!

Leave a comment