mill-pinna ta’ Dott. Karmenu Mallia.


Illum jien għandi żmien mhux ħażin u għalhekk inħares lejn kollox b’għajnejn differenti, għajnejn ta’ meta kont iżgħar u għajnejn tal-lum.

Issa kull festa għandha żewġt ilbiesi, dik reliġjuża u dik profana jew soċjali.

Għalija l-isbaħ u l-isħaħ ġrajja nsibha fil-festa tal-patrun tagħna li għandha ċ-ċentru tagħha fil-magħrufa “Fundatus”. Għal ħafna dil-kelma ma tfisser xejn imma fiha tinġabar il-festa kollha għax hi l-antifona jew deskrizzjoni tal-qaddis f’erba’ klemiet.

Ħalli nġib it-tifsira bil-Malti ta’ parti minn din l-antifona: “Imtella’ fuq pedament sod, Ġorġi, suldat nobbli…illum hu inkurunat bil-glorja u onorat. Alleluja.”

Għalhekk iċ-ċelebrazzjonijiet jew il-ferħ kollu, kemm dak fil-knisja kif ukoll ta’ barra, jinġabar f’din l-antifona, waħda mill-isbaħ li għandna Malta.

Fiha hemm żewġ kelmiet importanti u nixtieq li tinnotawhom sewwa: “glorja” u “unur”. Fil-knisja nagħtuh il-glorja għax jixraqlu għal li għamel għal Kristu, ta ħajtu, ma qagħadx jibża’ mill-Imperatur Dijoklezjanu, u “unur” għax kemm fil-knisja kif ukoll barra nonorawh u ngħolluh sas-smewwiet. Tgħid mhux għalhekk nieħdu gost ngħidu bil-qalb u nħajru lil uliedna jgħajtu: “Ġorġi tagħna”?
Allura wkoll il-festa, dil-festa, mhix sempliċement data fil-kalendarju imma taħbita tal-qalb tal-komunità Qormija.

Spiritwalità u ferħ: Ġorġi (u Alla miegħu) iħajruna nħobbu, nagħmlu l-ġid, naraw x’nistgħu nagħmlu biex ngħollu ’l min għandu bżonn xi għajnuna. U nafu aħna llum kemm bżonnijiet hawn madwarna, kemm mard, kemm dwejjaq fid-djar, fl-isptarijiet, anzjani jgħixu weħidhom u x’naf jien.

Il-festi ta’ barra mbagħad huma l-wiċċ l-ieħor tal-munita imma xorta waħda jdaħħluna f’qoxritna biex naħsbu li għall-inqas darba f’sena (aktar żgur!) inħossuna eqreb lejn l-essenzjal ta’ ħajjitna.

L-antifona “Fundatus” tispiċċa bil-kelma: “Alleluja”. Mhux bilfors? Il-ferħ iqanqal, iwarrab id-dwejjaq u t-tfixkil li nsibu ma’ saqajna kuljum, għal ftit ġranet, biex naħsbu x’inhu l-essenzjal ta’ ħajjitna.

Għax il-festa hi pedament, ċelebrazzjoni ta’ fidi jew twemmin, flimkien ma’ ċelebrazzjoni soċjali.

Il-liturġija, jiġifieri l-festa ta’ ġol-knisja, flimkien mal-marċi u n-nar, ikomplu jqajmu l-entużjażmu biex dak li hu sabiħ inħalluh sabiħ u ma nċappsuhx bit-tbajja’ li kultant iqanqlu ’l moħħna biex bħal speċi niżvogaw u tgħaddi tagħna. Hemm hu kobor il-bniedem meta jfittex mediċina tar-ruħ biex din tqawwieh u tressaqu lejn “Ġorġi tagħna” (kif ukoll lejn Alla).

B’dawn l-erba’ kelmiet, minkejja ż-żmien li għandi, jiena wkoll qed inħossni aktar ferħan. U l-antifona “Fundatus” li kont nisma’ bil-qalb f’żgħożiti kantata minn kor ta’ kantanti magħrufa, li llum m’għadhomx magħna, u akkompanjata minn strumenti li jagħmluha Opra mis-sbieħ, illum qed tiġborni fija nnifsi u nistqarr li f’dawn l-erbat ijiem festa tal-patrun tagħna nagħraf is-sbuħija tal-festi li jistidnuna biex induqu ftit mis-sbuħija ta’ ħajjitna taħt il-patroċinju ta’ missierna “Ġorġi tagħna!”

Leave a comment